Stazzjonijiet tal-Pompi tal-Petrol jissospendu l-Azzjonijiet illejla b’sinjal ta’ rieda tajba

Il-GRTU tikkomunika li l-istazzjonijiet tal-Pompi tal-Petrol iddeċidew li l-azzjonijiet ser ikunu qegħdin jiġu temporanjament sospiżi, pendenti l-laqgħa li ser ssir għada bejn Uffiċċjali tal-GRTU u l-Ministru Joe Mizzi.

Il-GRTU tirrimarka li l-Pompi tal-Petrol jixtiequ ikunu ta’ l-inqas inkonvenjent għall-konsumatur u fl-istess ħin juru rieda tajba biex jaslu fid-diskussjonijiet li ser isiru għada.

L-Azzjonjiet qed jiġu sospiżi għalissa u mhux eskluż li jekk id-diskussjonijiet ma jwasslux fi ftehim, l-pompi tal-petrol jiddeċiedu li l-azzjonijiet ikomplu.

Pompi tal-Petrol mhedda biex ma jiħdux azzjonijiet

Bosta pompi tal-Petrol li issieħbu fil-franchising tal-Enemed irrappurtaw li ġew ikkuntatjati minn uffiċċjali tal-Enemed biex jaraw dawn hux se jkunu qed jieħdu azzjonijiet mil-lejla u jekk u hekk se jkun hemm riperkussjonijiet fuqhom.

Il-GRTU tikkundanna dan l-għaġir minn kumpanija li suppost hi ndipendenti u li qiegħda tintuża ghal skopijiet ulterjuri.

Il-GRTU tikkonferma li l-kuntratt tal-Enemed ma jistax iwaqqaf l-ebda pompa tal-Petrol milli tissalvagwardja l-interessi tagħha u twettaq d-deċizjonijiet li għandha bżonn għan-negozju tagħha.

Il-GRTU se tkun qiegħda tieħu il-passi kollha neċessarji biex tipproteġi l-membri tagħha.

Il-GRTU tagħti sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa biex jinstab ftehim

Wara l-laqgħa li saret illum mal-Ministru Joe Mizzi fuq is-suġġett taż-żidiet għall-petrol stations, il-GRTU rat xi ineżattezzi fil-media. Il-GRTU pero mhix ser tiżvela dettalji waqt li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-GRTU se tagħti sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa biex jinagħlqu d-diskussjonijiet.

Jekk ma tkunx għadha nstabet soluzzjoni ser tingħajjat laqgħa ġenerali għall-membri nhar it-Tnejn li ġej.