
Nhar il-Ħamis 20 ta' Ġunju l-Kunsill Lokali Naxxar
sejjaħ laqgħa għas-sidien tan-negozji fin-Naxxar. L-iskop ta' din il-laqgħa kien biex ikunu
diskussi suġġerimenti li jwasslu biex ikun hemm koperazzjoni akbar bejn
il-Kunsill u s-settur tan-negozju kif ukoll biex tikber l-ekonomija lokali.
Fil-ftuħ tal-laqgħa s-Sindku Dott. Maria
Deguara ħeġġet biex ikun hemm aktar
komunikazzjoni bejn iż-żewġ partijiet biex il-Kunsill ikun aktar konxju
tal-ħtiġijiet tan-negozjanti. Hija
appellat biex kulħadd jagħti s-sehem tiegħu ħalli l-ambjent tan-Naxxar
jissebbaħ. Hija tat diversi suġġerimenti
ta' inizjattivi li wieħed jista' jieħu dwar dan bħalma huma tisbieħ tal-faċċati
u l-bankini bil-fjuri. B'dan mhux biss
jissebbaħ il-lokal iżda jattira aktar nies u klijenti għall-istess
negozji. Ir-riżorsi huma limitati għal
kulħadd iżda, jekk il-piż jinqasam, igawdi kulħadd, qalet is-Sindku Deguara.
Is-Sindku imbagħad esprimiet ix-xewqa li jkun
iffurmat kumitat mill-komunità kummerċjali biex jiffaċilita l-komunikazzjoni
bejn iż-żewġ partijiet.
Tkellmet ukoll il-Viċi Sindku Anne Marie Muscat
Fenech Adami li għandha r-responsabbiltà tan-negozji tan-Naxxar. Hija saħqet li mhux bilfors ikun hemm qbil
fuq kollox iżda wieħed irid ifittex dak li jqarreb lil xulxin biex finalment
kulħadd jirbaħ.
Il-Viċi Sindku Muscat Fenech Adami elenkat xi
ħsibijiet li għandu l-Kunsill li iżda xtaqet li jkunu diskussi f'aktar dettall
flimkien għaliex ma kinitx l-intenzjoni tal-Kunsill li jimponi iżda li dak li
jagħmel ikun aċċettabbli u bi qbil man-negozjanti.
Fost l-inizjattivi li semmiet hemm voucher book
biex jitqassam man-Naxxarin, BiżNiss (id-direttorju tan-negozji li ġie
ppublikat dan l-aħħar) fuq website u application għal-fuq smart phones, tabelli
ta' direzzjoni b'uniformità u korsijiet u sessjonijiet ta' informazzjoni.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll is-Sinj.
Carmen Borg f'isem il-GRTU. Hija
esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li saret din il-laqgħa u faħħret lill-Kunsill
Lokali Naxxar għall-inizjattivi li jieħu favur is-settur tan-negozju. Hija appellat biex anki s-settur tan-negozju
jagħmel il-parti tiegħu. Is-Sinj. Borg
semmiet li, fi stħarriġ li għamlet il-GRTU fi żmien il-Milied, ħareġ li
l-Kunsill tan-Naxxar huwa l-unika Kunsill f'Malta li joħroġ l-ispejjeż kollha
tat-tiżjin tal-Milied waħdu.
Għall-kuntrarju, fil-lokalitajiet l-oħra kollha l-komunità kummerċjali toħroġ
is-sehem tagħha.
Is-Sinj. Borg faħħret ukoll inizjattivi li hemm
maħsuba mill-Kunsill biex flimkien jissebbaħ l-ambjent u li l-Kunsill huwa
kommess li jisma u jiddiskuti. Hija tat
informazzjoni wkoll fuq is-servizzi offruti mill-GRTU b'mod partikulari bħala
aġenzija EuropeDirect.
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju
Eżekuttiv tal-Kunsill, is-Sur Paul Gatt fejn wieġeb għal xi mistoqsijiet li
saru min-negozjanti.