Ir-Rahal
fil-Milied 2014 – Għal darba
oħra l-Kunsill Lokali tan-Naxxar
se jorganizza l-attività r-Raħal fil-Milied
bl-attività prinċipali ssir nhar il-Ħadd 7 ta' Diċembru 2014
bejn is-saghtejn (2pm) u t-tminja (8pm).
Minbarra
l-attività ewlenija, bl-għajnuna tal-għaqdiet lokali, matul dik il-ġimgħa
kollha se jkun hemm xi attivitajiet għaddejin bil-ħsieb li nattiraw l-akbar ammont
ta' viżitaturi possibli. B'dan il-mod niġġeneraw aktar kummerċ
fil-lokalità. Minħabba
raġunijiet loġistiċi, il-qofol tal-attività, se ssir fi Triq tal-Labour
fil-parti ta' maġenb il-bandli. B'dan il-mod inkunu nistgħu narmaw kmieni
bl-inqas inkonvenjent għat-traffiku u parkeġġ possibli filwaqt li l-ħsejjes ta'
mużika waqt l-attività ma jtellfux l-andament tal-quddies fil-Knisja.
L-attività
mhux se tkun limitata għal dik il-parti biss anzi, qed issir ħidma kbira biex
l-attivitajiet jinfirxu kemm jista' jkun u li kull sena tkompli tikber.
Madanakollu hija meħtieġa l-koperazzjoni ta' kulħadd u għalhekk, kull min b'xi
mod jista' jgħin għandu javviċinana. Naturalment, aktar ma nkunu
kreattivi u innovattivi fl-ideat, aktar nattiraw nies.
Tajjeb
ninfurmakom ukoll li, minkejja l-limitazzjonijiet finanzjarji, il-Kunsill
qiegħed jippjana kampanja pubbliċitarja akbar minn tas-soltu. Infatti se
nibdew nirriklamaw minn nhar il-Ħadd li ġej biex noħolqu interess akbar.
L-ispiża għal dan ir-reklamar mistennija taqbeż sew it-€3,000!
Dawn tal-Milied fit-toroq
Fil-preżent
il-Kunsill jinsab għaddej b'ħidma oħra biex jibdel dawl eżistenti u jinvesti
f'dawl tal-Milied ġdid għat-toroq tagħna. Diġà inħadem fustun għal Vjal
il-21 ta' Settembru u fil-preżent qed jinħadem dawl ġdid u sabiħ ħafna għal
Triq il-Parroċċa u dwal ġodda għal Triq Santa Luċija. Din is-sena se
jkollna wkoll Triq il-Kbira armata bid-dawl u qed nippjanaw ukoll dwal ġodda
għal Triq tal-Labour.
Dan
kollu mistenni jiswa eluf kbar ta' ewro iżda sodisfatti li dan se jkompli jżomm
lin-Naxxar bħala wieħed mill-isbaħ lokalitajiet fi żmien il-Milied.
Nemmnu li dan għandu jgħin ħafna biex in-Naxxar ikompli jattira aktar nies lejh
biex finalment iwassal għal ħafna aktar kummerċ.
Huwa
importanti wkoll li n-negozjanti jagħmlu l-parti tagħhom u għalhekk il-Kunsill
iħeġġiġkom biex tarmaw bl-isbaħ mod possibli u minn kmieni l-armaturi
tal-ħwienet tagħkom. Tajjeb ukoll jekk tikkunsidraw inizjattivi li
tistgħu tieħdu flimkien bħal per eżempju li tagħmlu reklami flimkien biex
tħajjru lill-publiku jiġi n-Naxxar.
Ċert
li tifhmu li dawn l-inizjattivi kollha jinvolvu ammont kbir ta' spejjeż li
minnhom tibbenefika l-lokalità kollha iżda mhux l-inqas in-negozju
tagħkom. Aħna nifhmu d-diffikultajiet finanzjarji li jkollkom iżda nemmnu
li huwa importanti li tagħtu dik il-ftit kontribuzzjoni biex ittaffi
mill-ispejjeż kbar li jkollu l-Kunsill fir-rigward.
Grazzi
għall-kontribuzzjonijiet li kellna mill-maġġoranza tan-negozji s-sena l-oħra,
din is-sena l-Kunsill Lokali kien aktar ħerqan li jinvesti biex jgħolli
l-livell tal-attività kif ukoll biex iżid aktar dawl tal-Milied. Għalhekk
nappellaw biex din is-sena wkoll toffru l-kontribuzzjoni tagħkom.
Aktar ma jkollna għajnuna aktar inkunu
nistgħu ninvestu fin-negozji tagħkom.