
Minn nhar
it-Tnejn li ġej jerġa' jibda l-ġbir tal-ħġieġ bieb bieb fis-Siġġiewi – Il-Kunsill
Lokali tas-Siġġiewi għadu kemm ġedded ftehim mal-iskema Green MT biex
jitkomplew is-servizzi ta' ġbir ta' skart riċiklabbli mir-residenzi
fis-Siġġiewi filwaqt li jerġa' jibda jsir il-ġbir tal-ħġieġ bieb bieb
fil-lokalità.
Dan il-ftehim ġie ffirmat aktar kmieni din il-ġimgħa mis-Sindku
tas-Siggiewi, Dr Karol Aquilina u mis-Sur Paul Abela, Chairman ta' Green MT.
Permezz
ta' dan il-ftehim ir-residenti tas-Siġġiewi ser ikomplu jgawdu minn servizz ta'
ġbir ta' skart riċiklabbli darbtejn fil-ġimgħa (kull nhar ta' Tlieta u nhar ta'
Ġimgħa) kif ukoll ġiet introdotta mill-ġdid ġabra ta' ħgieg kull l-ewwel Tnejn
ta' kull xahar. L-ewwel ġabra ser issir nhar it-Tnejn li ġej 7 ta' Lulju 2014
mit-8.00am 'il quddiem.
F'kelmtejn
waqt l-iffirmar tal-ftehim il-ġdid, is-Sindku tas-Siġġiewi Dr Karol Aquilina,
qal li dan il-ftehim għandu jwassal biex is-Siġġiewi jkompli joffri kwalità ta'
ħajja aktar lir-residenti tiegħu. Huwa rringrazzja lir-residenti kollha
tas-Siġġiewi tal-kooperazzjoni tagħhom u ħeġġiġhom jagħmlu użu mis-servizzi li
joffri l-Kunsill Lokali għall-ġbir ta' skart riċiklabbli. Huwa rringrazzja
lill-iskema Green MT tas-sehem tagħha u enfasizza li l-iskema dejjem ħadmet id
f'id mal-Kunsill Lokali fl-interess tal-lokalità tas-Siġġiewi u tar-residenti
kollha.
Is-Sur
Paul Abela, Chairman ta' Green MT irringrazzja lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi
tal-fiduċja fl-iskema Green MT u għall-ħidma kontinwa favur ambjent aktar
b'saħħtu fil-lokalità. Is-Sur Abela spjega li l-għan tal-Kamra Maltija
tan-Negoziji Żgħar u Medji (GRTU), hu li tkompli turi impenn biex tara li
l-membri tagħha, in-negozji żgħar u medji, jkunu minn ta'quddiem biex jilħqu
l-obbligi tagħhom. Fl-istess waqt il-GRTU temmen li kulħadd għandu jkun parti
mill-istess obbligu biex b'hekk l-ispiża tkun ugwali u sostennibli fit-tul.
Fil-preżent
jinġabar 5,330 kilo fil-ġimgħa ta' skart riċiklabbli mis-Siġġiewi. Bis-saħħa
ta' dan il-ftehim il-mira ser tkun dik li jinġabar kważi 7,000 kilo ta' skart
riċiklabbli fil-ġimgħa mis-Siġġiewi.
L-iskema
Green MT ser tkun qegħda tagħmel ukoll kampanja edukattiva u tgħin lill-Kunsill
Lokali tas-Siġġiewi biex isir studju ħolistiku dwar l-immaniġġjar tal-iskart
fis-Siġġiewi. L-iskema Green MT ser tipprovdi ukoll rigali spontanji fost dawk
ir-residenti tas-Siġġiewi li jkunu qegħdin joħorġu l-borża l-griża taghhom biex
tinġabar nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ġimgħa u anke fejn jidħol il-ġbir ta' ħġieġ
kull l-ewwel Tnejn ta' kull xahar. Dan kollu qed iseħħ biex jintlaħqu l-miri
stabbiliti fil-pjan nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart. Fl-okkażjoni
tal-iffirmar ta' dan il-ftehim il-ġdid il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ppubblika
fuljett b'informazzjoni dwar is-servizzi li joffri għall-ġbir tal-iskart
fis-Siġġiewi. Kopja tal-fuljett tista' titniżżel permezz ta' din il-link:
http://issuu.com/klsiggiewi/docs/leaflet_30062014_ctp_wb/1
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim il-ġdid kien hemm ukoll is-Segretarju
Eżekuttiv tal-Kunsill Liokali tas-Siġġiewi, is-Sur Nikol Baldacchino u l-Kap
Eżekuttiv tal-iskema Green MT, is-Sur Joe Attard. Green MT hi skema awtorizzata
mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tiġbor u tirkupra
skart tal-ippakkeġġjar. L-iskema tista' tiġi kkuntatjata waqt il-ħinijiet
tal-uffiċċju fuq in-numru 2149 6965.