Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki (MQC) flimkien mall-GRTU, l-Kamra Maltija ghan Negozji Zghar u Medji u l-Malta Chamber of Motor Assessors (MCMA), ser iniedu Standards tax-Xogħol fil-Qasam tal-Motor Damage. L-Istandards tax-Xogħol jiddeskrivu x'inhu mistenni mill-individwu li jkun jaħdem f'xogħol speċifiku. L-Istandards tax-Xogħol jesprimu l-prestazzjoni f'termini ta' riżultati u jindikaw wieħed x'għandu jkun jaf sabiex ikun jista' jaħdem bil-mod mistenni.
Dawn l-istandards jigbru flimkien il-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenzi u huma għodda prezzjuża li tista' tiġi użata bħala punt ta' referenza għall-valutazzjoni, l-akkreditazzjoni u r-reklutaġġ.
Filfatt, l-istandards tax-xogħol jipprovdu sfidi għall-individwi sabiex jirriflettu fuq il-prestazzjoni tagħhom. Dawn iservu wkoll bħala għodda għad-deskrizzjoni tax-xogħol, għall-evalwazzjoni, s-superviżjoni u t-taħriġ.
Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki huwa nvolut f'diversi proġetti sabiex jistabilixxi standards tax-xogħol f'setturi differenti, li jinkludu involviment u ftehim suffiċjenti mill-partijiet rilevanti interessati kollha – dan isir biex dawn l-istandards ikunu rikonoxxuti fil-pajjiż kollu.
It-tnedija tal-istandards tax-xogħol fil-qasam tal-Motor Damage se jkollha rwol importanti fil-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dawn l-istandards tax-xogħol huma l-qofol ta' siegħat ta' xogħol iebes minn voluntiera fis-settur tal-Motor Damage membri fil-GRTU.
L-għan ta' tnedija ta' dawn l-iStandards hu sabiex tinħoloq kuxjenza u impenn mas-setturi kollha f'Malta lejn ħidma f'kuntest ta' sħubija u l-iżvilupp ta' kunsilli ta' ħiliet settorjali u standards tax-xoghol.