F'Jannar 2009 daħal fis-seħħ
ir-regolament il-ġdid tal-Unjoni Ewropea dwar il-Klassifikazzjoni, it-Tikkettar
u l-Imballaġġ (CLP). Dan ir-regolament il-ġdid ifisser li hemm xi bidliet
fil-mod li bih jiġu komunikati l-perikli kimiċi. Il-pittogrammi li jirreferu
għal perikli fiżiċi u tas-saħħa nbidlu, filwaqt li ddaħħlu wkoll tliet
pittogrammi ġodda. Saru wkoll xi bidliet fil-klassifikazzjoni.
L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u
s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) qed tappoġġja lill-Kummissjoni
Ewropea fl-isforzi tagħha biex tqajjem kuxjenza dwar il-bidliet fis-sinjali
relatati mas-sustanzi kimiċi fost persuni li jiġu f'kuntatt mas-sustanzi kimiċi
fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll fost min jimpjegahom.
L-EU-OSHA għandha l-għan li tilħaq
lill-utenti aħħarin li jimmaniġġaw is-sustanzi kimiċi fuq il-post tax-xogħol,
permezz tal-esperti/maniġers jew tad-diretturi ġenerali OSH tagħhom. Għandna
bżonn l-għajnuna tiegħek biex inxerrdu din l-informazzjoni, biex inqajmu
kuxjenza dwar il-mod li bih jiġu komunikati l-perikli kimiċi.
L-EU-OSHA tixtieq tiżgura li
l-ħaddiema huma familjari mal-pittogrammi l-ġodda dwar is-sustanzi perikolużi,
u li dawn jimmaniġġawhom b'attenzjoni. Biex nagħmlu dan għandna bżonn li
l-maniġers, ir-rappreżentanti tas-sigurtà u l-ispeċjalisti OSH joqgħodu attenti
għal sustanzi li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw ħsara, li jivverifikaw
it-tikkettar u l-imballaġġ ta' sustanzi kimiċi u l-iskedi b'Data dwar Sigurtà,
u li jidentifikaw kwalunkwe ħaddiema li jistgħu ikunu esposti għal tali
sustanzi biex jiżguraw li dawn jiġu protetti. Huwa importanti ħafna li dawn
jikkonsultaw u jinfurmaw lill-ħaddiema dwar ir-riskji u l-miżuri implimentati.
http://osha.europa.eu/mt/topics/ds/clp-classification-labelling-and-packaging-of-substances-and-mixtures
F'din it-taqsima għandek issib
diversi riżorsi bħall-ktejjeb Gwida għal min iħaddem rigward il-kontroll
tar-riskji relatati mas-sustanzi kimiċi kif ukoll riżorsi oħra mill-Kummissjoni
Ewropea (poster, pocket card, preżentazzjoni bin-noti, eċċ.) jew il-fuljett
Sejħa għal azzjoni mir-rappreżentanti kollha tal-ħaddiema f'kumpaniji li
jimmanifatturaw, li jużaw jew li jqiegħdu fis-suq is-sustanzi kimiċi maħruġ
mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) u l-Federazzjoni Ewropea
tal-Ħaddiema tal-Minjieri, tas-sustanzi Kimiċi u tal-Enerġija (EMCEF).
Iżda l-kampanja ta'
sensibilizzazzjoni ma tieqafx hawn, u se jkun hemm aktar riżorsi disponibbli
fit-taqsima web iddedikata tal-EU-OSHA fil-futur qrib.
Huwa importanti li theggu
l-kollegi/impjegati tiegħek jifhmu u jagħrfu l-informazzjoni l-ġdida
tat-tikketta u l-miżuri preventivi bażiċi ġodda meta jużaw sustanzi kimiċi.