
Il-ħaddiema huma l-esperti fix-xogħol
tagħhom u jafu bir-riskji li jiffaċċjaw ta' kuljum. L-koperazzjoni bejn
il-ħaddiema u l-maniġment hija essenzjali sabiex jiġu identifikati r-riskji fuq
il-post tax-xogħol u jittieħdu l-miżuri sabiex dawn jitnaqqsu jew jiġu
eliminati. Ghal hdax (11) l-sena konsekuttiva giet
organizzata l-OHS – Practice Awards 2012-2013, bis-suggett ta' din is-sena,
naħdmu flimkien biex nevitaw ir-riskji.
Fil-prattika, ħafna drabi ikun diffiċli
li r-riskji jiġu eliminati, iżda meta jsir sforz kollettiv ikun iktar faċli li
jinstabu soluzzjonijiet biex ir-riskji jitnaqqsu għal livell aċċettabli. Dejjem
jibqa l-obbligu ta' min iħaddem li jassigura li l-miżuri jiġu mplimentati, u
tal-ħaddiema li jikkoperaw u jaderixxu mal-miżuri mifthema sabiex titħares
is-saħħa u s-sigurtà tagħhom stess.
L-appell imur ghall-maniġment biex jagħti każ
u jagħti ċans lill ħaddiema li jikkontribwixxu lejn l-identifikazzjoni
tar-riskji u t-twettieq ta' miżuri li jnaqqsu r-riskji. Kif tirrikjedi l-liġi,
r-rapreżentanti tal-ħaddiema għas-saħħu u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,
għandhom rwol importanti x'jaqdu. Dawn iridu jservu ta' pont bejn il-ħaddiema u
l-maniġment.
Din is-sena intefghu ħames
sottomissjonijiet li ġew evalwati skond il-kriterji stabbiliti mill-aġenzija
għas-saħħa u s-sigurtà ta' l-unjoni ewropea. Minn dawn kien hemm erba'
fil-kategorija ta' ‘l fuq minn 100 ħaddiem u waħda li timpjega anqas minn 100 ħaddiem.
Il-kriterji tal-evalwazzjoni jinkludu
fost oħrajn, ir-relevanza tas-sottomissjoni, parteċipazzjoni effettiva
tal-ħaddiema, implimentazzjoni b'suċċess, titjib reali, sostennibiltà
maż-żmien, trasferibbiltà lejn postijiet tax-xogħol oħra u li preferibbilment
ikunu innovattivi u jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi rikjesti
mill-leġiżlazzjoni.
Is-sottomissjonijiet trattaw suġġetti varji,
b'miżuri sempliċi li ma jinvolvux ħafna spejjes iżda xorta waħda huma effettivi
sabiex inaqqsu r-riskji u oħrajn li huma aktar speċjalizzati għall-industrija
jew kumpaniji partikolari.
Il-fattur komuni hu l-prevenzjoni jew
it-tnaqqis tar-riskji. Kullħadd jaf li inċident fuq il-post tax-xogħol jikkawża tbagħtija u telf lil-min iweġġa kif
ukoll lil min iħaddem. Meta l-maniġment jikkonsulta u jinvolvi lil-ħaddiema,
jinkisbu riżultati aktar effetivi, jiġu evitati l-inċidenti u b`hekk jirbaħ
kullħadd.
Is-sottomissjonijiet kollha kienu ta'
livell għoli. Kollha kienu ppreparati u ppreżentati b'mod professjonali u
b'informazzjoni ddetaljata li għamlet x-xogħol tal-Board tal-Evalwazzjoni aktar
facli. Grazzi lill-Inġ. Vincent Attard – Chairman, is-Sur Joe Delia, s-Sur
Victor Carachi u s-Sur Silvio Farrugia membri tal-Board.
Kif ġara fl-aħħar edizjoni ta' din
il-kompetizzjoni, iż-żewġ sottomissjonijiet li ġew fl-ewwel post f'kull
kategorija se jiġu mibgħuta l-aġenzija Ewropea għas-saħħa u s-sigurta fuq
il-post tax-xoghol sabiex jikkompetu għal premju ta' prattika tajba fuq livell
ewropew. Nawguraw li jkollna suċċess kif kellna fl-edizjoni ta' qabel din.
Nħeġġu lil-kumpaniji kollha sabiex jieħdu dan is-suġġett bis serjeta sabiex
jitnaqqsu l-perikli fuq il-ħaddiema. Min iħaddem għandu jfittex il-kontribut
tal-ħaddiema u r-rapreżentanti tagħhom billi jikkonsulta magħhom. Il-ħaddiema
wkoll għandhom id-dritt u huma fid-dmir li jagħtu sehemhom għax b'hekk ikun
assigurat li l-miżuri li jiġu identifikati, ikunu implimentati u jirnexxu.
Good Practice Awards
2012 gew pprezentati mill-Onorevoli Ministru ghas-Sahha l-Anzjani u kura
fil-kommunita', Joe Cassar, flimkien ma Dr Mark Gauci – CEO u Remigio Bartolo,
Focal Point Manager, OHSA. Mistiedna ghall-Konferenza, Ms Boglarka Bola,
Network Manager, European Agency for Safety and Health at Work.