
Il-Malta-EU Steering and Action
Committee (MEUSAC) u l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) se
jorganizzaw laqgħa ta' konsultazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva
2012/19/UE li tirregola l-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE). Din
id-Direttiva, li tirrevedi liġijiet eżistenti dwar il-WEEE, għandha l-għan li
ttejjeb il-ġbir, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' tagħmir elettriku u
elettroniku, li tillimita l-esportazzjonijiet illegali ta' skart ta' dan it-tip
mill-Unjoni Ewropea, u li ttejjeb l-impatt ambjentali tal-operaturi kollha
involuti fis-settur, sabiex inaqqsu l-iskart u jippromwovu l-effiċjenza
tar-riżorsi.
L-għan ta' din il-laqgħa hu li jinġabru
l-kummenti u l-opinjonijiet ta' dawk involuti, jew interessati f'dan is-settur
qabel din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-Liġi Maltija.
Il-laqgħa ser tinżamm nhar it-Tnejn, 26
ta' Novembru 2012, fl-għaxra ta' filgħodu, f'Dar l-Ewropa, 254, Triq San
Pawl, il-Belt Valletta. Din il-laqgħa ser issir bil-Malti.