L-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat habbar pjan ta’ azzjoni dwar kif għandu jiġi indirizzat l-iskart mill-ikel li ser jiġi integrat fil-ġejjieni qrib fil-pjan nazzjonali edukattiv dwar l-immaniġġjar tal-iskart li ser jkun mifrux fuq medda ta’ tliet snin waqt konferenza stampa li saret l-Erbgha 14 ta’ Jannar 2015.
Il-Ministru Brincat qal li r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport huma frott tal-ħidma ta’ working group indipendenti, li kien ħatar huwa stess taħt iċ-Chairpersonship ta’ Ms Lisa Cassar Shaw, bil-għan li mhux biss jiġi indirizzat l-iskart mill-ikel fid-djar Maltin u Għawdxin iżda wkoll dak l-iskart iġġenerat minn stabbilimenti kummerċjali, tal-ikel u tal-catering.
Il-working group kellu rappreżentanza wiesgħa minn entitajiet direttament involuti fl-immaniġġjar tal-iskart mill-ikel bħas-setturi tal-catering u l-ospitalità, is-supermarkets, il-kunsilli lokali, is-settur tas-saħħa, l-operaturi tal-iskemi fil-qasam tal-iskart, akkademiċi, edukaturi u anki rappreżentanza tal-Oppożizzjoni.
Il-Ministru Brincat qal li sa mill-bidu nett huwa kien għamilha ċara li aktar milli xi rapport twil u dettaljat f’għamla ta’ teżi, ried pjan ta’ azzjoni li jista’ jitwettaq f’mod prattiku billi qabel xejn jidentifika dawk l-attivitajiet u sorsi li l-aktar qegħdin joħolqu skart mill-ikel fil-gżejjer Maltin u Għawdxin.
Ir-rapport jagħfas kemm fuq in-nuqqas ta’ tagħrif xieraq dwar is-suġġett, dwar l-attitudni żbaljata ta’ għadd ta’ nies, dwar preferenzi ħżiena fl-għażliet li jsiru fix-xiri u fil-konsum, dwar il-bżonn ta’ ppjanar u labelling aħjar, dwar kif għandu jiġi maħżun (storage) l-ikel, dwar l-ippakkiġġjar innifsu, dwar id-daqs tal-porzjonijiet tal-ikel servut kif ukoll dwar għadd ta’ fatturi soċjo-ekonomiċi oħrajn.
Rakkomandazzjonijiet speċifiċi saru wkoll għall-istabbilimenti kummerċjali u tal-catering.
Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern ma qagħadx jistenna li jiġi ppubblikat dan ir-rapport biex jibda bil-ħidma tiegħu biex iqajjem kuxjenza akbar dwar dan is-suġġett. Dan għamlu diġà permezz ta’ riklami televiżivi, kif ukoll permezz ta’ kampanja li tinsab għaddejja kemm permezz ta’ led boards u anki permezz tas-social media taħt it-tema ta’ ‘Agħmel id-differenza’.
Min-naħa tagħha ċ-Chairperson Ms Lisa Cassar Shaw qalet li dan il-working group li ltaqa’ diversi drabi waqt ix-xhur tas-sajf, mexa id f’id sabiex jiġi milħuq l-iskop ta’ din l-inizjattiva. Dan sar grazzi għall-membri li attendew u pparteċipaw b’mod attiv waqt dawn il-laqgħat sabiex b’hekk tittieħed azzjoni sostenibbli fir-rigward tal-ħela tal-ikel. B’hekk Ms Cassar Shaw hi konvinta li l-fatt li l-working group kien iffurmat minn individwi minn setturi varji, wassal għal rapport konċiż u effettiv. Ms Cassar Shaw irringrazzjat lill-Ministru Brincat talli emmen fiha, kif ukoll lill-membri kollha li taw il-kontribut tagħhom sabiex jintlaħaq dan il-għan.