Dawn l-awards qed jiġu organizzati b'kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Kummerċ, u l-World Intellectual Property Organisation (WIPO) li hija aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti b'riżultat ta' taħdidiet bejn iż-żewġ naħat fl-aħħar xhur. Dawn l-awards huma maħsuba li jiċċelebraw il-kisbiet tal-imħuħ kreattivi tagħna, fil-waqt li joħolqu soċjeta fejn il-kreattivita' u l-innovazzjoni huma inkoraġġuti f'kull livell.
Eluf ta' xogħolijiet kreattivi madwar id-dinja, u mhux inqas f'Malta, f'dan il-mument jinsabu fi stadji differenti tal-iżvilupp tagħhom. Uħud għadhom żerriegħa fil-moħħ tal-kreattiv, uħud wasslu fl-aħħar, lesti biex jagħtu l-frott. Il-fattur komuni bejniethom kollha, huwa li dawn kollha joriġinaw mill-istess ‘post' – il-moħħ uman. F'Malta, li ir-riżorsa ewlenija tagħna hija ir-riżorsa umana, dan il-proċess nafuh sewwa, u il-Gvern kontinwament ipoġġi dal-qasam fuq nett tal-prijoritajiet tiegħu, u jagħmel investimenti qawwija biex insaħħu u nsostnu din ir-riżorsa, permezz ta' investimenti kontinwi fl-Edukazzjoni.
Dawk il-pajjiżi l-iktar li huma kapaċi li jinkoraġġixxu it-talent kreattiv tagħhom, huma il-pajjiżi l-iktar kapaċi isostnu żvilupp soċjali u ekonomiku.
Il-Malta-WIPO Awards għall-Kreattivita u l-Innovazzjoni li ġew imnedija illum, huma biss waħda minn sensiela ta' dawn l-inizzjattivi. Fil-Budget ta' din is-sena, il-Gvern ħabbar fond ta' €100,000 bħala investiment fil-kreattivita', u l-innovazzjoni fl-edukazzjoni, arti, teknologija u s-settur tal-manufattura. Dan ukoll biex jingħata rikonoxximent lill-intraprendituri kreattivi żgħażagħ.
Ir-rebbieħa tal-ewwel post ta' kull kategorija jieħdu €10,000, midalja u ċertifikat maħruġ mill-WIPO, tieni post jieħu €6,000 u t-tielet €4,000. Il-kategoriji tal-Awards huma fl-oqsma tal-Arti, Xjenza, Teknoloġija u Innovazzjoni, u huma kif ġej:
Malta/WIPO Award għall-Kreattivita' Individwi li taw kontribut għax-xena tal-arti, u kreattivita f'Malta. Litteratura, Mużika, kif ukoll Computer Programming. Irid jingħata valur tal-potenzjal ekonomiku tax-xogħol.
Malta/WIPO Award għall-Innovazzjoni Intrapriżi li jużaw sistemi ta' Proprjeta Intelletwali għax-xogħol tagħhom fir-Riċerka u l-iżvilupp tal-prodotti tagħhom.
Malta/WIPO Award għall-Aqwa invenzjoni Individwi li l-invenzjonijiet tagħhom kisbu suċċessi kbar u fit-tul. Dawn iridu ikunu taw kontribut lid-dinja tax-Xjenza u l-iżvilupp teknoloġiku.
Malta/WIPO Award għall-Aqwa inventur żagħżugħ Individwi bejn l-eta ta' 15 u 25 sena, li żviluppaw invenzjonijiet jew prodott innovattivi li jistgħu jiġi żviluppat kommerċjalment.
Ir-rebbieħa jitħabbru lejn l-aħħar ta' Novembru 2010. Iżjed informazzjoni fuq is-suġġett kif ukoll linji gwida, u formuli tal-applikazzjoni jistgħu jinsabu fuq il-website http://www.ipo.gov.mt/. Jista jsir ukoll kuntatt telefoniku mad-Dipartiment tal-Kummerċ fuq 25690223.