Bħalissa, fis-seħħ għandna l-Avviż Legali 271 tal-2004 li jitratta is-suq ta' materjal ta' tkattir ta' siġar tal-frott u siġar tal-frott intenzjonati għall-produzzjoni tal-frott. Dan l-Avviż Legali jaddotta id-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KE. Mill-1992 l'hawn, sar progress tekniku u xjentifiku f'dan il-qasam u allura mill-livell tal-Unjoni Ewropea, nħasset il-ħtieġa li tinħareg direttiva oħra li tinkludi dawn l-iżviluppi. Il-qafas tad-Direttiva 2008/90/KE hu l-istess bħal dak tad-Direttiva 92/34/KE.
Id-Direttiva 2008/90/EC qed tiġi addottata lokalment f' l-imsemmi Avviż Legali li se jiġi fis-seħħ mit-30 ta' Settembru 2012 il quddiem u li għandu jiġi ppubblikat mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2010.
L-għan tad-direttiva hu li r-regoli li jridu jiġu osservati minn min qed ikattar, ikabbar u/jew ibiegħ ikunu l-istess f'kull pajjiz tal-Unjoni Ewropea. B'hekk fis-suq tal-Unjoni Ewropea, jinstab biss materjal ta' tkattir u siġar tal-frott b'saħħithom u tal-aqwa kwalità. B' riżultat ta' dan, il-konsumaturi jkollhom riżultati sodisfaċenti meta jikkultivaw is-siġar tal-frott.
2. It-tkattir, it-tkabbir u bejgħ ta' siġar tal-frott fil-Gżejjer Maltin
Kull sena, numru sostanzjali ta' żerriegħa, selvaġġ (rootstock) u siġar imlaqqma ta' diversi speċi huma introdotti Malta kull sena minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Ukoll, ammont sostanzjali ta' materjal bħal dan jiġi prodott lokalment. Il-materjal li jiġi minn barra jew prodott lokalment jiġi mibjugħ u użat/ikkultivat fil-gżejjer Maltin. Għalhekk, is-siġar tal-frott jistgħu jitqiesu li huma mportanti ħafna għall-ekonomija u l-agrikultura Maltija.
3. Il-kontenut tal-Abbozz tal-Avviż Legali
L-Avviż Legali hu magħmul minn diversi regolamenti li jiffukaw fuq il-materjal ta' tkattir u siġar tal-frott, il-produttur jew bejjiegħ u id-Dipartiment bħala l-entità responsabbli mill-
monitoraġġ. Il-punti li ġejjin huma ġabra ta' informazzjoni dwar ir-regolamenti ewlenin tal-Avviż Legali. Ħafna mill-informazzjoni hi diġa fis-seħħ bis-saħħa tal-Avviż Legali 271 tal-2004. Meta dan l-abbozz ta' liġi jiġi fis-seħħ fl-2012, l-Avviż Legali 271 tat-2004 ma jibqax fis-seħħ.
– Rekwiżiti li jridu jiġu sodisfatti mill-ġeneru u l-ispeċi
Il-materjal ta' tkattir u siġar tal-frott nkluż is-selvaġġ (rootstock) għandhom jiġu kkumerċjalizzati dejjem bl-isem tal-varjetà. Kull varjetà trid tkun reġistrata u jkollha deskrizzjoni uffiċjali.
Kundizzjonijiet li jridu jiġu osservati mill-produttur jew bejjiegħ
Kull persuna jew entità trid tkun reġistrata mad-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti skont l-attività li twettaq. Il-produzzjoni ta' materjal ta' tkattir jew siġar tal-frott taqa' taħt ir-responsabbilità tal-produttur. Il-produttur għandu jidentifika il-punti kritiċi fil-proċess tal-produzzjoni li jinfluwenzaw il-kwalità tal-materjal, iżomm informazzjoni relatata mal-punti kritiċi, jieħu kampjuni meta neċessarju biex jiġu ttestjati f'laboratorju u li l-materjal ta' diversi kunsinni ikun miżmum separatament. Id-Dipartiment għandu jiġi infurmat meta jinstab xi organiżmu li jagħmel il-ħsara. Xi punti minn dawn iridu jiġu osservati ukoll mill-bejjiegħa. Rekords iridu jinżammu ghal perjodu stipulat meta jinbiegħ materjal ta' tkattir jew siġar tal-frott.
Kundizzjonijiet għas-suq
Il-materjal ta' tkattir u siġar tal-frott li jitpoġġew fuq is-suq iridu jappartjenu għal waħda mill-kategoriji mniżżla fl-Avviż Legali (CAC, pre–basic, basic jew certified). Dawn għandhom ikunu akkompanjati minn dokumenti maħruġa mill-produttur/bejjiegħ jew mid-Dipartiment skont il-kategorija. Importanti li kull kunsinna jew lot t/ikun miżmum/a separat/a u jinżammu rekords dwar it-traġitt, l-oriġini u l-komponenti tal-kunsinna jew lot.
Spezzjonijiet uffiċjali
Id-Dipartiment irid jagħmel spezzjonijiet waqt il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal ta' tkattir jew siġar tal-frott sabiex jara li ir-rekwiżiti u r-regolamenti tal-Avviż Legali qed jiġu mħarsa. Jekk ikun hemm każijiet ta' nuqqas ta' ħarsien, id-Dipartiment irid jieħu azzjoni skont il-każ u kif stipulat fir-regolament 13 tal-Avviż Legali mehmuż.
Id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti qiegħed jistiednek sabiex taqra l-Abbozz tal-Avviż Legali u tressaq l-opinjoni/suġġerimenti tiegħek dwar dan id-dokument
Ghal aktar informazzjoni inti mitlub iccempel lil Abigail Mamo-GRTU.