Fl-laqgħa kordjali mal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil, Paul Abela, President tal-GRTU qal li huwa importanti li l-GRTU tiltaqa’ mal-Partit Nazzjonalista biex iżżommu aġġornat fuq il-problemi li taffaċċja minn żmien għal żmien. Il-GRTU mill-bidu kienet ilha tinsisti mal-amministrazzjoni ta’ qabel u se tkompli tinsisti mal-amministrazzjoni preżenti biex il-parti tal-ftehim tal-konċessjoni tal-logħob bejn il-Gvern u l-kumpanija Maltco li tikkonċerna lir-riċevituri tal-lotto għandhom ikunu magħrufa. Illum il-GRTU tirrapreżentha 180 riċevitur tal-lotto li huma kollha self-employed.
Dr Simon Busuttil qal li s-settur tal-logħob kiber b’rata mgħaġġla fi ftit snin minn dipartiment li kien jirregola l-lottu pubbliku għal wieħed mill-ikbar setturi fl-ekonomija Maltija. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jisma’ d-diffikultajiet li qiegħed jaffaċċja dan is-settur sabiex jkun jista’ jindirizzah fit-tfassil tal-politika tiegħu fil-ġejjieni.
Flimkien ma’ Paul Abela kien preżenti Alfred Muscat, President tal-Lotto Receivers Union u Marco Rossi, Segretarju.