
Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u
l-Konsumatur Jason Azzopardi hejja konferenza stampa li fiha ħabbar miżuri
radikali ġodda għal ħruġ ta' liċenzji tan-negozji. Preżenti f'isem l-GRTU kien
hemm is-Sur Paul Abela. Il-GRTU laqghat din ir-riforma bhala wahda pozittiva.
B'seħħ mill-1 ta' Novembru li ġej min ikun se jiftaħ
negozju ġdid (li ma jinvolvix ikel jew saħħa), mhux se jkollu aktar għalfejn
japplika għall-liċenzja mid-Dipartiment tal-Kummerċ, iżda wara li jġib
il-permess tal-MEPA, sid in-negozju jrid biss jinforma lid-Dipartiment
tal-Kummerċ permezz ta' notifka li se jibda negozju ġdid.
Din il-bidla tippermetti wkoll li s-sid tan-negozju jkun
jista' jinforma lid-dipartiment anke sa 30 ġurnata minn meta jkun beda
l-attivita kummerċjali tiegħu. B'hekk wieħed se jkun qed jiffranka ħafna ġiri u
ħela ta' ħin żejjed. Il-Ministru Azzopardi qal li qed ikun stmat li 80%
tal-attivitajiet kummerċjali ġodda se jkunu qed jibbenefikaw minn din
is-simplifikazzjoni.
Regola ġdida oħra li biha se tkun qed tonqos ħafna
burokrzija żejda, hija li meta wieħed jiftaħ post kummerċjali ġdid, għalkemm
xorta jibqa obbligat li jġib il-permess neċessarju mill-MEPA, mhux se jkollu
bzonn jissottometti kopja ċertifikata tal-permess tal-MEPA u lanqas kopja
tal-floor plan tal-bini kummerċjali kif inhu l-każ sal-llum. Wieħed se jkollu
bżonn biss jipprovdi n-numru tal-permess tal-ippjanar maħrug mill-MEPA. Se jkun
hemm ukoll proċessar eħfef tal-ħlas li jintalab għall-liċenja fil-bidu
tal-proċess. B'hekk in-negozjant ma jkollux bżonn jerġa' jiġi kkuntattjat qabel
toħrog il-liċenzja. Dan se jkun qed ifisser iffrankar ta' ħin.
Miżura importanti oħra hija r-roħs f'ċertu licenzji
tal-kummerċ. Il-ħlas ta' liċenzja ta' post kummerċjali li jiġi utilizzat
għall-manifattura, mhux ser jibqa' jiġi kkalkulat skond il-valur tal-kera imma
se jibda jiġi kkakulat skond il-footprint, l-istess kif inhu provdut
għall-postijiet kummerċjali oħra. F'postijiet li jokkupaw spazju totali ta'
inqas minn 200m², wieħed se jkun qed iħallas €70 mentri u f'każ li wiehed
jokkupa spazju aktar minn 800m², dan se jkun qed iħallas massimu ta' € 1000.
L-emendi jipprovdu li jekk dak li kien jitħallas qabel kien irħas, l-irħas
ammont jgħodd.
Barra minhekk, il-ħlas tal-liċenzja għal
postijiet kummerċjali b'footprint
ta' ‘l fuq minn 800m2 li qabel ukoll
kien jiġi ikalkulat skond valur tal-kera
u jibda b ‘minimu ta' €1,164 mingħajr limitu, qed jiġi stabilit
bħala massimu ta' €1,000 biss. Dan isarraf fi gwadann ta' €164 fuq
il-minimu attwali u jista' jservi ta' gwadann t'iktar minnhekk jekk l-individwu
kien qieghed iħallas iktar minħabba li qabel
ma kienx hemm massimu.
F'dak li jirrigwardja l-ikkanċellar ta' licenzji, sa
issa il-ħlas tal-liċenzji kummerċjali kien dovut sad-data tal-kanċellazzjoni
tal-liċenzja u dan kien ikun irrilevanti jekk tkunx għaddejja attività
kummerċjali jew le. L-emendi l-ġodda se jipprovdu fost l-oħrajn li d-Direttur
tal-Kummerċ se jkun jista' jikkanċella liċenzji li l-pagament tagħhom ma jkunx
tħallas għal erba' snin konsekuttivi, filwaqt li l-pagamenti annwali se jkunu
obbligatorji sad-data tat-terminu tal-operat biss u mhux sad-data
tal-kanċellazzjoni kif kienet l-liġi sal-llum. Dan ifisser li sid in-negozju se
jkun qed jiffranka ħafna flus u spejjeż żejda.