Dan il-baġit se jolqot b’mod pożittiv lin-negozji żgħar u medji għal erba’ punti prinċipali:
- Jogħlew il-pagi u l-benefiċċji, allura flus fil-but li se jiġġeneraw aktar negozju.
- Persuna self-employed li n-negozju tagħha jfalli u tispiċċa bla xogħol issa se tkun tista’ tibda tieħu l-benefiċċji li jieħdu l-ħaddiema bla xogħol.
- Li, kif ipproponiet il-GRTU, il-baġit żied is-sussidju biex in-negozjant iż-żgħir ikun jista’ jew tista’ jkollha pensjoni oħra u b’hekk ikollu żewġ pensjonijiet u futur aħjar.
- Tkun estiża l-iskema li meta persuna tgħaddi n-negozji tagħha lil uliedha se tkun qed tiffranka somom konsiderevoli f’taxxa tal-boll minn 5% għal 1.5%
B’ekonomija b’saħħitha u bis-surplus, in-negozjanti iż-żgħar stennew:
- Li titnaqqas b’mod sostanzjali t-taxxa.
- Li t-tnaqqis fit-taxxa jkun qed jindirizza l-vantaġġ li għandhom in-negozji barranin.
- Li tikber l-iskema tal-Microinvest li biha negozji jieħdu rifużjoni fit-taxxa fuq l-investiment li jkunu għamlu.
- Inizjattivi biex tindirizza l-problema serja ta’ nuqqas ta’ ħaddiema.
Il-GRTU filwaqt li tinnota b’sodisfazzjoni li diversi inċentivi mis-snin imgħoddija ġew estiżi, għal din is-sena tħoss nuqqas serju ħafna f’dawk li huma ideat ġodda li jinċentivaw in-negozji ż-żgħar. Qabel il-baġit, il-GRTU għamlet diversi proposti li baqgħu ma ġewx ikkunsidrati.