
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet
Rurali George Pullicino ħabbar id-dettalji ta' skema li qed tinċentiva
lis-sidien tal-karozzi biex il-karozzi jinqalbu biex jaħdmu wkoll bl-autogas.
Karozzi li jaħdmu b' autogas iniġġżu anqas u diġà insibu f'pajjiżna numru ta'
vetturi li nqallbu biex qed jaħdmu bl-autogas.
L-iskema se tidħol fis-seħħ mill-1
ta' Jannar 2013, se tinċentiva lil min jeqleb il-karozza tiegħu
għall-autogas billi jingħata rifużjoni
ta' €200, u tibqa' fis-seħħ sakemm jibbenefikaw 1,000 persuna. Din l-iskema qed issir b'investiment ta'
€200,000.
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu
sottomessi fuq formoli pprovduti apposta u li se jkunu jistghu jinkisbu
mill-website www.mrra.gov.mt wara l-1 ta' Jannar 2013 u għandhom jaslu
fil-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali kif indikat fuq il-Formoli.
l-aplikant irid l-ewwel jiġi bl-applikazzjoni u jkun wara biss li tingħata
grant letter li jkun jista jaghmel il-conversion.
L-iskema hija applikabbli għal
individwi privati iżda teskludi vetturi li ma jintużawx għat-trasport personali. Vetturi użati għall-skopijiet sportivi u
muturi fost oħrajn mhumiex inkużi fl-iskema. L-applikant irid ikun is-sid
rreġistrat tal-vettura li għaliha tkun qed issir l-applikazzjoni. L-għotja hija limitata għal vettura waħda
għal kull dar. Familja li tkun ibbenifikat minn għotjiet oħra dwar ix-xiri
tal-vettura ma hiex eliġibbli għal
għotja taħt din l-iskema.
Biex vettura tibbenifika minn din
l-iskema trid tilħaq dawn il-kriterji:
jkollha magna 2 ltr jew inqas;
tkun
liċenżjata fit-triq mhux qabel l-1 ta' Jannar 2009;
il-vettura
tkun reġistrata għal użu fit-triq ma' Transport Malta;
il-konversjoni tal-autogas tkun
saret minn persuna kompetenti skont il-lista ta' persuni pprovduta mill- Awtorita' Maltija għar-Riżorsi;
tilħaq l-istandards ta' UN ECE 67 u UN ECE 115 – standards
applikabbli għas-sistema ta' konverżjoni;
l-apparat installat u s-sistema
jkunu ttestjati skont il-Kodiċi ta' prattika tal-Awtorita' Maltija
għar-Riżorsi.
Jekk 10% tal-karozzi tal-passiġġieri
fl-Ewropa jikkonvertu għal din is-sistema ta' fjuwil, f'sena, l-Europa tnaqqas
350 miljun tunnellata ta' CO2. Huwa kkalkulat ukoll li fl-istess perijodu jkunu
frankati €20 biljun f'external costs mill-Gvernijiet inkluż spejjeż tas-saħħa
relatati mat-tniġġiż fl-arja, filwaqt li l-familji Ewropej ikunu ffrankaw €41
biljun f'konsum.
L-Autogas huwa diġà użat minn aktar minn 7
miljun karozza fl-Ewropa. Dan kollu jgħin ukoll fil-miri tat-tnaqqis
tal-gassijiet serra li l-Unjoni Ewropea fasslet li għandhom jintlaħqu sas-sena
2020.
f'Awwissu 2010 f'pajjiżna ħarġu regolamenti li
jagħmlu possibbli l-bidla għall-karozza biex tkun tista' taħdem bl-Autogas. Din
tista' ssir minn persuni awtorizzati mill-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi.
Fil-preżent huma 19-il kumpaniji li huma awtorizzati biex iwettqu dan
ix-xogħol. Id-dettalji ta' min jista' jwettaq dan ix-xogħol ikunu updated fuq
is-sit eletroniku tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi www.mra.org.mt.